Navigate Up
Sign In

Novel Coronavirus - Maltese


X’inhi l-Coronavirus?
Il-Coronaviruses huma viruses li jikkawżaw sintomi respiratorji li jvarjaw minn riħ komuni għal mard aktar serju bħalma huwa l-Middle East Respiratory Syndrome (MERS) u Severe Acute Respiratory Syndrome (SARS). Huma familja ta’ viruses li qegħdin kemm fil-bniedem kif ukoll fl-annimali. Jinfirxu minn persuna għal oħra permezz ta:

1. Sogħla u
għatis (permezz tal-qtar)
2. Idejn kontaminati bil-virus wara li jkunu intmessu wċuħ kontaminati jew
3. Kuntatt dirett ma’ persuna infettata bil-coronavirus (bħalma meta tkun qed tingħata kura lil persuna marida)



X’inhuma s-sintomi?
Mill-informazzjoni magħrufa s’issa s-sintomi komuni huma waħda jew aktar minn dawn t’hawn taħt:

1. Deni
2. Sogħla
3. Qtugħ ta’ nifs

Sintomi oħrajn rappurtati jistgħu jinkludu: imnieħer iqattar, uġiegħ ta’ ras, għejja, uġiegħ fil-muskoli, telf tat-togħma, telf tax-xamm u diarhoea.



Kemm hija severa l-infezzjoni?
Ġeneralment hija ħafifa imma tista’ tirriżulta fil-bżonn ta’ kura medika u li tinżamm fl-isptar. F’xi ċirkostanzi l-infezzjoni tista’ tikkawża pneumonia severa u wġiegħ respiratorju estrem li jista’ jwassal għall-mewt.



Kemm jieħdu żmien is-sintomi biex jiżviluppaw?
Il-perjodu ta’ inkubazzjoni, iż-żmien bejn il-kontaminazzjoni u d-dehra tal-ewwel sintomi jista’ jieħu bejn jumejn u 14-il ġurnata.



Il-COVID-19 kif jinfirex?
L-infezzjoni COVID-19 tiġi trażmessa minn nies li jkunu qegħdin iġorru l-virus. Il-marda tista’ tinfirex minn persuna għal oħra permezz ta’ qtar respiratorju li jittajjar mill-imnieħer jew il-ħalq meta persuna tisgħol jew tagħtas.
Dan il-qtar jista’ jibqa’ jippersisti għal ftit sigħat fuq oġġetti jew uċuħ li jkunu qrib il-persuna inkwistjoni. Infezzjoni bil-COVID-19 tista’ isseħħ jekk tmiss oġġetti jew uċuħ u mbagħad tmiss għajnejk, imnieħrek jew ħalqek. COVID-19 tista’ tittieħed ukoll billi tiġbed bin-nifs qtar minn persuna infettata li tkun għadha kemm sogħlot jew għatset. Għalhekk huwa importanti li żżomm distanza ta’ aktar minn żewġ metri minn persuna marida u li tirrispetta l-miżuri bażiċi tal-iġjene.



Hemm trattament jew vaċċin?
Le, ma jeżistix trattament speċifiku. It-trattament li jingħata mit-tabib huwa biex jikkontrolla s-sintomi.
Fil-preżent m’hemmx vaċċin kontra l-coronaviruses, inkluż it-2019-nCoV (il-virus li jikkawża l-COVID-19). Għalhekk huwa importanti ħafna li tipprevjeni l-infezzjoni jew li żżomm milli jkun hemm aktar firxa tal-infezzjoni.



Min hu fl-ogħla riskju?
 
Għalkemm ħadd m’għandu l-immunità, persuni kbar fl-età huma f’riskju aktar għal mard sever  mill-COVID-19. Barra minn hekk kull min għandu xi kundizzjoni medika oħra, hi x’inhi l-età tal-persuna, ikun qiegħed jiffaċċja riskju ta’ mard serju.

Gruppi vulnerabbli għandhom joqogħdu d-dar u ma jistgħux imorru għax-xogħol. 
Dawn jinkludu:

✔️Persu
ni li għandhom aktar minn 65 sena
✔️Persuni dijabetiċi li qegħdin fuq l-insulina
✔️Persuni li qegħdin jieħdu Biologicals (mediċini għal kundizzjonijiet mediċi fit-tul bħal rheumatoid arthritis,                Crohns disease, Psoriasis, ankylosing spondylitis)
✔️Pazjenti bil-kanċer u li kienu ngħataw il-kimoterapija f’dawn l-aħħar sitt xhur
✔️Pazjenti li għandhom immunità baxxa inklużi dawk li sarilhom trapjant u dawk morda bl-HIV
✔️Pazjenti li ssirilhom dialysis
✔️Nisa tqal
✔️Pazjenti bi problemi respiratorji (u li kienu l-isptar f’din l-aħħar sena)
✔️Pazjenti bi problemi kardjoloġiċi u li sarulhom interventi f’dawn l-aħħar sitt xhur
✔️Pazjenti li jattendu l-Heart Failure Clinic
✔️Pazjenti fuq Oral steroids

Dawn il-persuni jistgħu joħorġu BISS għal affarijiet essenzjali bħal xiri mingħand tal-merċa u xiri ta’ mediċini. Ħruġ u kuntatt ma’ oħrajn għandu jkun limitat kemm jista’ jkun possibli.

Persuni li jaqgħu fil-kategoriji t’hawn fuq u li ma rċevewx l-ittra li tinnotifikahom li għandhom joqogħdu ġewwa jew jaħsbu li jsofru minn xi kundizzjonui medika li timmerita li tkun kunsidrata bħala vulnerabbli, għandhom jibagħtu email lil covid19.vulnerable@gov.mt b’Isimhom, Numru tal-Karta tal-Identità, Kundizzjioni Medika u kopja skenjata tal-Kartuna tax-Schedule V (il-kartuna s-safra).



Protezzjoni ta’ persuni vulnerabbli
L-evidenza qegħda turi li xi individwi u gruppi ta’ nies jistgħu jkunu f’riskju akbar li jiżviluppaw kumplikazzjonijiet serji jekk jiġu infettati mill-virus COVID-19. L-Avviż Legali 111/2020 (Protezzjoni ta’ Persuni Vulnerabbli) għandu l-għan li jipproteġi kategoriji ta’ gruppi identifikati bħala f’riskju għoli biex jitnaqqsilhom ir-riskju ta’ infezzjoni.

Madankollu, huwa possibbli li individwi li jaqgħu fil-kategoriji imsemmijin aktar ‘il fuq ikunu jixtiequ li formalment japplikaw biex ikunu eżentati mill-obbligu ta’ kwarantina mandatorja kif stipulat mill-
LN 111/2020​.


Applikazzjonijiet għal din l-eżenzjoni jistgħu jkunu sottomessi fuq l-
Exemption Request Form​ provduta.


Meta għandha persuna tmur biex titteħdilha swab?
Kull persuna li għandha xi waħda mis-sintomi t’hawn fuq tkun  teħtieġ li jsirilha swab test.


Nemmen li kont f'kuntatt ma' xi ħadd li għandu il-virus. dan ifisser li neħtieġ nagħmel it-test?                  L- Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika jsegwu proċeduri għall-intraċċar biex ikunu magħrufin u kkuntattjati dawk kollha possibbli li setgħu kellhom kuntatt mill-qrib. Issir evalwazzjoni tar-riskju għal kull kuntatt, skont it-tip ta’ kuntatt li kien hemm u t-tul ta’ ħin li jkun ħa; kull każ huwa differenti. L-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika javżawk dwar jekk  teħtieġx li tkun eżaminat. Huwa konsiljabbli li ssegwi lilek innifsek għal sintomi. Jekk jiżviluppaw is-sintomi jekk jogħġbok ċempel lil Public Health Helpline 111


Kif għandi nibbukkja appuntament?
Biex tibbukkja swab test ċempel lill-Public Health Helpline fuq 111 jew +356 21324086 jekk għandek numru barrani. L-operaturi jieħdu nota tad-dettalji personali tiegħek u tingħata appuntament biex isirlek dan it-test fl-eqreb post tar-residenza tiegħek.
Hemm erba’ ċentri ta’ fejn isiru dawn it-testijiet, wieħed Pembroke, wieħed Ħal Luqa, wieħed fl-Isptar Mater Dei (għal health care professionals) u ieħor ix-Xewkija, Għawdex.
Int imbagħad tirċievi email li tkun qed tikkonfermalek id-data tal-appuntament, il-ħin u l-post. 



X’istruzzjonijiet għandi insegwi meta inkun qed nattendi s-Swabbing Centre?
Meta tmur biex isirlek is-swab test huwa importanti li tagħmel użu mill-karozza privata tiegħek jew mill-mutur.
Jekk se jwasslek xi Ħadd, int għandek tirkeb fuq wara u fuq in-naħa tal-passiġġier, tilbes maskla jekk għandek, u żżomm it-twieqi tal-karozza miftuħin. Jekk ma jkunx possibbli li tuża t-trasport tiegħek stess, isiru arranġamenti oħrajn. Jekk jogħġbok infurmahom b’dan meta ċċempel fuq il-Helpline.
Jekk jogħġbok innota li għal swab test MA TISTAX tiġi b’taxi, bil-karozza tal-linja jew flimkien ma’ ħaddieħor. Ħu miegħek tissue nadifa kif ukoll il-Karta tal-Identità tiegħek bħala prova ta’ identifikazzjoni.



X’jinvolvi dan it-test?
It-test isir billi jiddaħħal f’imnieħrek dak li jissejjaħ nasal swab (cotton bud twila) u permezz tagħha jittieħed kampjun tan-nasopharyngeal secretions minn fuq wara ta’ imnieħrek u ta’ griżmejk.
It-test jieħu biss ftit sekondi u għalkemm jista’ jkun xi ftit skomdu, din l-iskomodita tgħaddi f’ħin qasir.
Int tkun tista’ ssuq lura lejn id-dar mill-ewwel. Huwa importanti li tibqa’ sejjer/sejra d-dar immedjatament wara u ma tieqafx għal xi qadi waqt li tkun fi triqtek lura d-dar.
Int għandek tibqa' strettament ġewwa sakemm joħroġ ir-riżultat tat-test. Għandek tibqa’ d-dar għal 24 siegħa wara li jkunu għaddew is-sintomi li jkollok. Jekk ġejt infurmat/a li tinsab taħt kwarantina mandatorja għandek tibqa’ ġewwa skont l-istruzzjonijet tal-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika. 



Meta niġi infurmat/a bir-riżultati?
L-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika jipprovdu r-riżultati permezz ta’ email, SMS jew telefonata fuq it-telefon tad-dar fi żmien 72 siegħa. Jekk id-dettalji provduti lill-Awtoritajiet tas-Saħħa ma jkunux validi, ir-riżultat jista’ ma jasallekx. Jekk jgħaddu 72 siegħa u r-riżultat ma jkunx wasal, jekk jogħġbok ibgħat email lil covid19.followup@gov.mt jew jekk m’għandekx email address ċempel fuq 111.

Ir-riżultati tas-swab test COVID-19 qegħdin jinħarġu lil pazjenti li jużaw myHealth. Ċittadini Maltin u resident li għandhom minn 14-il sena ‘l fuq jistgħu jidħlu fuq myHealth permezz ta’ www.myhealth.gov.mt, jilloggjaw billi jużaw in-Numru tal-Karta tal-Identità tagħhom (jew in-numru tal-permess ta’ residenza) u l-e-ID password tagħhom. Persuni li kellhom e-ID password imma jeħtieġu waħda ġdida, u persuni li qatt ma kellhom e-ID isibu links ta’ għajnuna wara li jiklikkjaw fuq ‘Log in with your e-ID’.  Aċċess għal rekords ta’ tfal taħt 14-il sena huwa possibbli biss għal tobba li jkollhom rabta mat-tfal permezz ta’ myHealth. Mistoqsijiet relatati ma’ myHealth jistgħu jintbagħtu lil myhealth@gov.mt​.

Jekk is-sintomi tiegħek jiggravaw jekk jogħġbok ċempel lit-tabib tiegħek jew lill-Kura Primarja fuq 21222444

Fl-eventwalità li r-riżultat tas-swab test ikun pożittiv, fejn jinstab il-virus responsabbli għall-COVID-19, il-persuna konċernata tiġi kkuntattjata mill-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika u tingħata l-istruzzjonijiet meħtieġa.



Kif nista’ nipproteġi lili nnifsi u lil oħrajn mill-coronavirus?
1. IBQA’ D-DAR, evita li toħroġ bla bżonn, evita kull xorta ta’ laqgħat soċjali, żomm distanza ta’ żewġ metri minn
    ħaddieħor.
2. NADDAF: Aħsel idejk bis-sapun u l-ilma għal mill-inqas 20 sekonda, u jekk ma jkunux disponibbli, uża
    diżinfettant tal-idejn li jkun alcohol-based.
3. Għatti imnieħrek u ħalqek b’tissue jew bin-naħa ta’ ġewwa tal-minkeb meta tisgħol jew tagħtas.
4. TAGĦTASX jew TISGĦOLX f’idejk għax tista’ tikkontamina oġġetti jew nies li tista’ tmiss.
5. Iddisponi immedjatament minn tissues użati f’bins magħluqin; TĦALLIX tissues jiġru ‘l hawn u ‘l hinn.
6. Evita li tmiss għajnejk, imnieħrek u ħalqek qabel ma taħsel idejk.
7. Żomm distanza ta’ mill-inqas żewġ metri meta tkun qed titkellem ma’ xiħadd li jkun marid.
8. Evita kull teħid tal-idejn.                                                                                                                                        9. Jekk inti ma’tiflaħx (bi kwalunkwe mard) IBQA’ D-DAR, anki jekk għandek sintomi ħfief.                                     10. Jekk qiegħed/da taħt kwarantina obdi l-ordni tal-kwarantina u l-pariri tal-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika.    11. Jekk int anzjan/a jew vulnerabbli, ibqa’ d-dar. Jekk għandek qraba li huma anzjani jew vulnerabbli                          tmurx iżżurhom. Minflok iżżurhom tihom l-għajnuna billi toħdilhom ix-xirjiet u bżonnijiet oħrajn                              jew  billi tgħinhom jorganizzaw it-twassil ta’ dawn l-affarijiet.                                                                           12. Segwi l-iggwidar mogħti mill-Awtoritajiet tas-Saħħa. Żomm ruħek aġġornat/a u rreferi għal                                    sorsi ta’informazzjoni ta’ min jorbot fuqhom. Evita milli xxerred informazzjoni żbaljata u aħbarijiet foloz                   li jservu  biss biex joħolqu paniku u joħolqu aktar sfidi lis-servizzi tal-kura tas-saħħa.



Avviż għal vjaġġaturi

Persuni li jkunu se jidħlu Malta hu liema hu l-pajjiż li ġejjin minnu iridu jagħmlu 14-il ġurnata taħt kwarantina, Dan huwa infurzat bil-liġi. Nuqqas ta’ osservanza ta’ din l-obbligazzjoni iwassal għal multa ta’ €3,000 għal kull darba li l-persuna tikser il-kwarantina.

Persuni li jkunu jgħixu fl-istess post fejn ikunu jgħixu l-persuni t’hawn fuq iridu jagħmlu wkoll 14-il ġurnata fi kwarantina mandatorja. Dan huwa infurzat bil-liġi. Nuqqas ta’ osservanza ta’ din l-obbligazzjoni iwassal għal multa ta’ €3,000 għal kull darba li l-persuna tikser il-kwarantina.


Jekk tiżviluppa xi sintomi tal-COVID-19 matul l-14-il ġurnata mill-wasla tiegħek f’Malta:
1. Ibqa’ fil-post tiegħek ta’ kwarantina 
2. Ċempel għal pariri fuq il-Helpline nazzjonali tal-COVID-19 fuq 111 (jew +35621324086) jekk għandek numru ta’
    servizz barrani.
3. Tmurx fi kliniċi privati, dipartiment tal-emerġenza, ċentri tas-saħħa jew faċilitajiet oħrajn ta’ kura tas-saħħa.

LN63 of 2020 - Period of Quarantine (Extension of Countries)​


Jekk tixtieq tagħmel kuntatt mal-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika fuq affarijiet li jirrigwardaw il-kwarantina jekk jogħġbok ibgħat email lil quarantine.covid19@gov.mt​.



Mistoqsijiet li jsiru ta’spiss

Għandi nilbes maskra?                                                                                                                                           Bit-tneħħija ta’ ċerti miżuri ristrettivi li kienu ddaħħlu bħala parti mill-istrateġija tal-Public Health Response għall-COVID19, l-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika qegħdin jagħtu l-pariri fuq il-benefiċċji li individwi li mhumiex morda jilbsu maskra jew visor meta jidħlu f’postijiet magħluqin. Klijenti u impjegati tal-ħwienet u tat-trasport pubbliku għandhom jilbsu maskra jew visor. Visors jistgħu jintlibsu waħedhom jew flimkien ma’ maskra. Persuni li jkunu sejrin f’xi bank għandhom jilbsu visor ladarba, għal raġunijiet ta’ sigurtà, l-użu ta’ maskra fil-banek huwa projbit.Hija fir-responsabbiltà ta’ min iħaddem li jipprovdi maskri jew visors għall-impjegati tagħhom.

L-użu tal-maskra jgħin inaqqas it-tifrix ta’ infezzjoni fil-komunità billi jillimita t-tifrix ta’ infezzjoni minn individwi li jkunu infettati u li jistgħu ma jkunux jafu li huma infettati, li jkunu għadhom ma żviluppawx sintomi jew li jibqgħu ma jiżviluppawhomx. Għalhekk l-ilbies tal-maskri jsaħħaħ l-effett ta’ distanza fiżika. Huwa importanti li jkun innotat li l-għata tal-wiċċ ma tfissirx li ma tibqgħax tinżamm id-distanza fiżika; ma tfissirx li titwaqqaf l-etika fejn jirrigwarda sogħla u għatis; ma  tfissirx li ma tibqgħax tinżamm l-indafa metikoluża tal-idejn u li ma jibqgħax l-evitar li wieħed imiss wiċċu.


Nista’ niġi kontaminat jekk nirċievi xi posta minn post affetwat?
Persuni li jirċievu posta jew affarijiet minn postijiet affettwat mhumiex f’riskju li jieħdu l-covid-19. Minn analiżi li saru qabel nafu li l-coronaviruses ma’ jgħixux fit-tul fuq oġġetti bħalma huwa ittri jew pakketti.


X’inhi ż-żamma ta’ distanza soċjali?
Iż-żamma ta’ distanza soċjali, imsejħa wkoll distanza fiżika, tirreferi għal azzjonijiet maħsubin biex iwaqfu jew itaffu t-tifrix ta’ mard li jittieħed. Għall-individwu, tirreferi għal żamma ta’ distanza fiżika biżżejjed (mill-inqas ta’ żewġ metri) bejnek u bejn persuna oħra biex tnaqqas ir-riskju li bit-teħid tan-nifs tiġbed qtar li joħroġ meta persuna infettata tieħu n-nifs, titkellem, tisgħol jew tagħtas. Huwa possibbli li żżomm kuntatt soċjali permezz ta’ telefonati, video chats u mezzi ta’ midja soċjali u fl-istess ħin tkun qed iżżomm id-distanza soċjali.


Kif tieħu ħsieb is-saħħa mentali tiegħek
Ħu ħsieb is-saħħa mentali tiegħek peress li s-sitwazzjoni kurrenti tista’ toħloq anzjetà jew dwejjaq. Hemm l-għajnuna disponibbli 24 siegħa kuljum. Ċempel Helpline 1770 għall-appoġġ. 
1. Segwi skedi regolari biex tqum filgħodu, ilbies, ikel, eżerċizzji, xogħol, divertiment u għal ħin l-irqad
2. Stabbilixxi objettivi għal kull ġurnata kif ukoll għal ġimgħa sħiħa
3. Illimita l-kafeina
4. Żomm moħħok attiv: aqra, ikteb, doqq xi strument u ilgħab board games
5. Oħroġ fil-gallerija, fil-bitħa, fuq il-bejt, fil-ġnien jew ħdejn xi tieqa biex tgawdi d-dawl tal-ġurnata u x-
    xemx
6. Żomm ruħek aġġornat/a imma illimita l-ħin ta’ ffukar fuq informazzjoni relatata ma’ COVID-19
7. Ibqa’ f’kuntatt mal-familja, ħbieb u kollegi

G
ħal aktar informazzjoni jekk jogħġbok irrikorri għall-iggwidar dwar iż-żamma sana ta’ saħħa mentali.​



Dokumenti ta’ gwida


Gwida fuq il-kwarantina download and read this document​ (aġġornata fil-21 ta’ Marzu 2020)